proġetti attwali

Sapport strateġiku għall-iskejjel

It-Taqsima tal-Evalwazzjoni Interna tal-Iskejjel torganizza laqgħat mitluba mit-tmexxija tal-iskejjel sabiex tindirizza oqsma speċifiċi u toffri appoġġ immirat u relatat mal-proċess tal-evalwazzjoni interna tagħhom. Dawn il-laqgħat ikopru firxa ta’ suġġetti relevanti, inkluż il-proċess tal-evalwazzjoni interna, l-ippjanar effettiv tal-iżvilupp tal-iskola u għajnuna fl-iżvilupp tal-viżjoni u l-missjoni tal-iskola. Barra minn hekk, it-Taqsima tal-Evalwazzjoni Interna tal-Iskejjel torganizza laqgħat biex tindirizza oqsma speċifiċi identifikati permezz ta’ kwestjonarju li jgħin fl-analiżi tal-ħtiġijiet tat-taħriġ, filwaqt li tassigura li l-appoġġ li jingħata lill-iskejjel ikun wieħed adattat għall-ħtiġijiet uniċi ta’ kull skola u kulleġġ partikolari. Id-Direttorat għandu l-għan li jfiehem il-proċeduri tal-evalwazzjoni, jindirizza l-isfidi u b’mod kollaborattiv jiżviluppa strateġiji li jippromwovu titjib kontinwu u riżultati sinifikanti billi jaħdem mill-qrib mat-tmexxija tal-iskejjel.

Żvilupp professjonali

It-Taqsima tal-Evalwazzjoni Interna tal-Iskejjel toffri sessjonijiet ta’ żvilupp professjonali li huma mfassla apposta għall-iskejjel u l-kulleġġi u li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi kif mitlub mill-istess tmexxija tal-iskejjel. Dawn is-sessjonijiet ikopru varjetà ta’ suġġetti li huma relevanti u mfassla sabiex jagħtu l-għodod neċessarji lill-edukaturi biex iwettqu u jsostnu t-titjib fl-iskejjel. Is-suġġetti jinkludu l-iżvilupp ta’ komunità ta’ prattika riflessiva permezz tal-proċess tal-evalwazzjoni interna, l-ippjanar ta’ żvilupp tal-iskejjel, l-identifikazzjoni u l-użu tal-aħjar għodod ta’ riċerka xierqa għall-ġbir tad-data u l-evalwazzjoni interna, it-twettiq tal-eżerċizzju ta’ analiżi SWOT, it-tfassil ta’ programm ta’ żvilupp professjonali tal-istaff fl-iskejjel u l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ azzjoni għat-titjib tal-iskejjel. Kull sessjoni hija mogħtija minn esperti fil-qasam, li jassiguraw li l-parteċipanti kollha jiksbu l-għarfien prattiku u l-għodod meħtieġa li jwasslu għal titjib kontinwu fil-kuntest edukattiv tagħhom.

Avvenimenti ta’ networking mal-EOs tal-Kurrikulu

It-Taqsima tal-Evalwazzjoni Interna tal-Iskejjel torganizza laqgħat ta’ kull xahar ma’ Uffiċjali Edukattivi responsabbli għall-kurrikulu fil-kulleġġi tal-istat. Dawn il-laqgħat iservu bħala networking u joħolqu komunità  ta’ prattika dinamika fejn jinqasmu l-esperjenzi b’mod kollettiv, isiru diskussjonijiet dwar l-isfidi li jiltaqgħu magħhom, ikunu esplorati strateġiji u jkun hemm riflessjonijiet dwar kif tista’ tingħata għajnuna fl-evalwazzjoni tal-iskejjel. L-enfasi hija fuq suġġetti relevanti li għandhom għanijiet komuni, bħal għodod għat-twettiq tal-evalwazzjoni interna tal-iskola bbażata fuq l-evidenza, għarfien mir-riċerka edukattiva lokali u internazzjonali u l-implikazzjonijiet tal-istrateġiji nazzjonali fil-prattika ta’ kuljum. Barra minn hekk, l-Uffiċjali Edukattivi għandhom l-opportunità li jippreżentaw l-inizjattivi tal-kulleġġ tagħhom stess, filwaqt li jrawmu l-kollaborazzjoni u l-innovazzjoni fl-istituzzjonijiet kollha. Permezz ta’ dan in-network ta’ sapport, dawn il-laqgħat għandhom l-għan li jippromwovu t-tkabbir kontinwu u l-iżvilupp ta’ prattiki effettivi biex jittejbu l-kisbiet edukattivi.

Analiżi tad-data biex tinforma l-evalwazzjoni interna tal-iskejjel

Permezz tad-Data Warehouse, stabbilita mit-Taqsima tar-Riċerka fi ħdan id-Direttorat, inbdiet inizjattiva ffukata fuq l-analiżi tad-data tal-istudenti, b’mod partikolari dwar l-assenteiżmu u l-kisbiet tal-ħiliet. Id-data tiġi analizzata fuq diversi livelli – dak nazzjonali, skont il-kulleġġ u skont l-iskola kif meħtieġ – biex tipprovdi għarfien maħsub biex jappoġġja lill-kulleġġi u lill-iskejjel fl-identifikazzjoni ta’ oqsma li jeħtieġu titjib. L-għajnuna li l-iskejjel jirċievu dwar l-evalwazzjoni interna tgħinhom sabiex jidentifikaw l-oqsma li jkun jeħtiegilhom titjib. Isiru wkoll laqgħat mal-Kapijiet tan-Networks tal-Kulleġġi u l-Kapijiet tal-Iskejjel biex jiġu diskussi s-sejbiet u jiġu żviluppati b’mod kollettiv strateġiji li jixprunaw bidla pożittiva fir-riżultati tal-istudenti.

Politika dwar il-Protezzjoni tad-Data

Esplorazzjoni tal-isfidi u l-Aspirazzjonijiet ta’ Studenti tas-Sekondarja b'Diżabilità u diffikultajiet fil-Proċċess tat-Tagħlim.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni (MEYR) qed jagħmel studju nazzjonali biex jeżamina l-fatturi li jaffettwaw l-aċċess għal edukazzjoni post-obbligatorja f’Malta. Dan l-istudju qed isir bħala parti minn Miżura tal-Manifest Elettorali 275: Assistenza akbar biex studenti b’diżabilita’ ikomplu jistudjaw. 

L-għanijiet ta’ dan il-proġett huma:

  1. Li jkollna għarfien dwar il-fatturi li jikkontribwixxu għar-riskju ta’ ħruq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ;
  2. Li nesploraw l-esperjenzi edukattivi ta’ studenti b’diżabilità;
  3. Li ngħinu l-MEYR fil-proċess ta’ deċiżjonijiet dwar l-istrutturi meħtieġa biex jiffaċilitaw l-aċċess u jappoġġjaw lill-istudenti kollha sabiex jispiċċaw l-edukazzjoni post-sekondarja.

Kollezzjoni ta’ Data:

Dan l-istudju jikkonċerna studenti tas-Sena 10 u 11 li għandhom Statement of Educational Needs uffiċjali jew li jirċievu arranġamenti ta’ aċċess għall-eżamijiet. Ir-riċerka se tinkludi studenti minn skejjel sekondarji tal-istat, tal-knisja, u indipendenti. Il-data se tiġi kkoletta permezz ta’ gruppi ta’ fokus u intervisti individwali.

Żmien allokat għal dan l-istudju:

Novembru 2024 – Ġunju 2025

Eurydice

Eurydice huwa netwerk ta’ 43 uffiċju nazzjonali bbażati fit-38 pajjiż kollha tal-programm Erasmus +, bil-għan li jiffaċilita l-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni. Il-missjoni ewlenija tagħha hija li tipprovdi lil dawk responsabbli għall-politiki tal-edukazzjoni fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali b’ analiżi u informazzjoni li tgħinhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom.

Eurydice tippubblika deskrizzjonijiet tas-sistemi edukattivi nazzjonali, rapporti komparattivi ddedikati għas-suġġetti, indikaturi u statistika speċifika, kif ukoll aħbarijiet u artikli relatati mal-qasam tal-edukazzjoni. Dan jagħmilha possibbli li jiġu identifikati xejriet komuni u jipprovdi bażi għal riflessjoni dwar strateġiji effettivi fl-edukazzjoni.

EVIDALI

EVIDALI (Evidence-informed Data Literacy for Policy and Practice), huwa proġett ffinanzjat mill-programm ERASMUS+, li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rwol tad-dejta fit-tfassil tal-politika u fil-prattika edukattiva madwar l-Ewropa. Dan jista’ jsir billi jiġbor flimkien 7 imsieħba ewlenin inkluż il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni (MEYR), u tliet imsieħba assoċjati. EVIDALI huwa ffukat fuq il-bini tal-kapaċitajiet ta’ dawk li jfasslu l-politika sabiex ikunu jistgħu jfasslu strateġiji fir-rigward tal-litteriżmu fid-dejta li huma effettivi u bbażati fuq l-evidenza.

Il-proġett irawwem komunità kollaborattiva ta’ riċerkaturi u dawk li jfasslu l-politika biex flimkien joħolqu dawn l-istrateġiji, filwaqt li jidentifikaw ukoll kif id-dejta tintuża fid-dinja reali fl-iskejjel u l-ħtiġijiet relatati mat-taħriġ fil-litteriżmu tad-dejta. Għan ewlieni huwa li jiġi ddiversifikat u mtejjeb il-mod ta’ kif id-dejta tintuża għal skopijiet edukattivi fl-ambjent tal-iskejjel. Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, EVIDALI se jipproduċi diversi riżultati li jħallu impatt: rapport ta’ mapping ibbażat fuq stħarriġ u intervisti mal-Ministeri tal-Edukazzjoni u ma’ dawk li jfasslu l-politika; ħames studji fil-fond ta’ skejjel li qed jimplimentaw inizjattivi fil-litteriżmu tad-dejta; letteratura dwar il-prattiki eżistenti tal-litteriżmu fid-dejta; rapport komprensiv li janalizza l-użu attwali tad-dejta mill-għalliema u l-ħtiġijiet ta’ taħriġ li għandhom bżonn; għaxar xenarji ta’ prattiki tajba vvalidati mill-għalliema; MOOC imfassal għall-għalliema u għal dawk li jħarrġu lill-għalliema; u finalment rakkomandazzjonijiet u linji gwida kemm għal dawk li jfasslu l-politika kif ukoll għall-prattikanti li joħorġu minn ‘policy learning labs’ kollaborattivi. Dawn l-isforzi għandhom l-għan li jnaqqsu d-distakk bejn il-politika u l-prattika fl-edukazzjoni bbażata fuq id-dejta.

SEWALS

Matul is-sena skolastika 2024-2025, id-Direttorat tar-Riċerka u l-Evalwazzjoni Interna tal-Iskejjel fi ħdan id-Dipartiment tal-Istrateġija tal-Edukazzjoni u l-Assigurazzjoni tal-Kwalità, iċ-Ċentru għar-Reżiljenza u s-Saħħa Soċjo-Emozzjonali fl-Università ta’ Malta u l-Università ta’ Florida, l-Istati Uniti, qed jikkollaboraw fuq l-Assessjar Nazzjonali tal-Benesseri Soċjo-Emozzjonali u l-Ħiliet ta’ Tagħlim Akkademiku (SEWALS Malti).

L-għan ġenerali tal-Assessjar Nazzjonali tal-Benesseri Soċjo-Emozzjonali u l-Ħiliet ta’ Tagħlim Akkademiku (SEWALS Malti) huwa li jwettaq assessjar nazzjonali tal-kompetenzi soċjo-emozzjonali tat-tfal u ż-żgħażagħ Maltin, il-ħiliet ta’ tagħlim akkademiku u s-saħħa mentali. L-għan aħħari ta’ dan l-assessjar nazzjonali huwa maħsub biex tinkiseb informazzjoni dwar l-istudenti f’Malta bl-iskop li jkunu indirizzati l-ħtiġijiet soċjo-emozzjonali tagħhom permezz ta’ inizjattivi u interventi komprensivi fis-snin li ġejjin.

The Directorate
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.